Nanomaterjali

In-nanomaterjali huma sustanzi kimiċi jew materjali b’daqsijiet tal-partikoli li huma bejn 1 sa 100 nanometru f’mill-inqas dimensjoni waħda.

Minħabba ż-żieda fl-erja speċifika skont il-volum, in-nanomaterjali jista’ jkollhom karatteristiċi differenti meta mqabbla mal-istess materjal mingħajr karatteristiċi ta’ nanoskala. Għalhekk, il-proprjetajiet fiżikokimiċi tan-nanomaterjali jistgħu jvarjaw minn dawk tas-sustanzi tal-massa jew tal-partikoli ta’ daqs ikbar.

Ħafna prodotti ta’ kuljum li fihom in-nanomaterjali diġà jinsabu fis-suq Ewropew bħall-batteriji, kisi, ħwejjeġ u kożmetiċi antibatteriċi. Filwaqt li n-nanomaterjali jistgħu joffru opportunitajiet tekniċi u kummerċjali, jistgħu wkoll joħolqu riskji għas-saħħa u l-ambjent tagħna. Bħal kull sustanza oħra fis-suq tal-UE, huwa importanti li jiġi żgurat li l-użi tagħhom jiġu vvalutati kif xieraq u li kwalunkwe riskju jkun ikkontrollat b’mod adegwat.

L-ECHA taħdem f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mal-Kummissjoni Ewropea, mal-NGOs u ma’ assoċjazzjonijiet tal-industrija kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għan-nanomaterjali.

 

In-nanomaterjali jaqgħu taħt id-definizzjoni eżistenti ta’ sustanza skont REACH u CLP, u d-dispożizzjonijiet stabbiliti miż-żewġ regolamenti japplikaw. Fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rakkomandazzjoni għal definizzjoni ta’ nanomaterjal. Din tintuża f’regolamenti Ewropej differenti, inkluż fir-REACH u fis-CLP, biex jiġi armonizzat il-mod ta’ kif in-nanomaterjali jiġu definiti f’oqsma legali.

Mill-1 ta’ Jannar 2020, ir-rekwiżiti legali espliċiti skont ir-REACH japplikaw għall-kumpaniji li jimmanifatturaw jew jimportaw nanoforom. Dawn l-obbligi ta’ rappurtar jindirizzaw rekwiżiti speċifiċi ta’ informazzjoni, deskritti fl-annessi riveduti tar-regolament REACH: 

  • il-karatterizzazzjoni tan-nanoforom jew tas-settijiet ta’ nanoforom koperti mir-reġistrazzjoni (l-Anness VI);
  • il-valutazzjoni ta’ sigurtà kimika (l-Anness I);
  • ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni (l-Annessi III u VII-XI); u
  • l-obbligi tal-utenti downstream (l-Anness XII).

L-emendi japplikaw għar-reġistrazzjonijiet ġodda u eżistenti kollha li jkopru n-nanoforom.

L-attivitajiet tal-ECHA dwar in-nanomaterjali taħt REACH u CLP.

Ladarba r-REACH u s-CLP ikopru n-nanomaterjali, jeħtieġ li l-ECHA tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha għan-nanoforom fi ħdan id-diversi proċessi tar-REACH (eż. ir-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjonijiet) u tas-CLP (eż. il-klassifikazzjoni u t-tikkettar) bħalma kieku tagħmel għal kwalunkwe forma oħra ta’ sustanza, u jeħtieġ li jkollha kapaċità xjentifika u teknika suffiċjenti biex tagħmel dan.

B’dan l-iskop, mill-2011, l-ECHA żiedet l-attivitajiet tagħha f’dan il-qasam, billi ffukat fuq:

  • It-tħejjija ta’ dokumenti ta’ gwida ġodda u aġġornati
  • Il-bini tal-kapaċità interna u esterna.
  • Il-kondiviżjoni tal-esperjenza mal-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri u l-membri tal-valutazzjoni tar-riskju u l-kumitati tal-Istati Membri li jikkonċernaw informazzjoni dwar is-sikurezza għal nanomaterjali fid-dossiers ta’ reġistrazzjoni ta’ REACH u l-ħolqien ta’ kunsens bejniethom.
  • L-għoti ta’ feedback u ta’ pariri lill-kumpaniji li jirreġistraw in-nanomaterjali 
  • Il-parteċipazzjoni u l-kontribuzzjoni għal attivitajiet regolatorji internazzjonali kontinwi (bħall-Grupp ta’ Ħidma tal-OECD dwar in-Nanomaterjali Manifatturati jew l-Inizjattiva Malta għall-iżvilupp ta’ linji gwida għall-ittestjar)
  • Webinars sabiex jinfurmaw u jiddiskutu l-aħħar żviluppi rigward il-proċessi ta’ REACH u CLP relatati man-nanomaterjali, u wkoll jgħinu lir-reġistranti jippreparaw u jippreżentaw dossiers li jinvolvu n-nanomaterjali.
  • Il-Grupp ta’ Esperti dwar in-Nanomaterjali (NMEG) ġie stabbilit f’Ottubru 2012 bl-appoġġ tal-awtoritajiet kompetenti għal REACH u CLP (CARACAL) u għall-Bijoċidi. Dan il-grupp konsultattiv informali jappoġġja l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma tal-ECHA għan-nanomaterjali u jipprovdi informazzjoni u pariri dwar kwistjonijiet xjentifiċi u tekniċi rigward l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ REACH, CLP u BPR fir-rigward tan-nanomaterjali.
  • L-ospitar tal-Osservatorju tal-Unjoni Ewropea għan-Nanomaterjali biex tiżdied it-trasparenza tal-informazzjoni dwar in-nanomaterjali