Ir-reġistranti jridu jissottomettu proposta ta’ ttestjar jekk ikun beħsiebhom iwettqu test ġdid elenkat fl-Annessi IX u X ta’ REACH. L-ECHA teżamina (skont l-Artikolu 40 ta’ REACH) il-proposti ta’ ttestjar kollha ppreżentati mir-reġistranti u tiżgura li kull proposta ta’ ttestjar tindirizza l-informazzjoni reali meħtieġa u tevita ttestjar bla bżonn, b’mod partikolari meta l-ittestjar jinvolvi l-użu ta’ annimali vertebrati.
Proposti ta’ ttestjar inammissibbli
Hemm diversi raġunijiet għall-għeluq ta’ eżami ta’ proposta ta’ ttestjar qabel ir-riferiment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Dawn jinkludu l-waqfien tal-manifattura jew l-importazzjoni mir-reġistrant, l-irtirar tal-proposti ta’ ttestjar, u l-inammissibilità.
Il-proposti ta’ ttestjar inammissibbli huma dawk fejn REACH ma jipprevedix eżami ta' proposta ta’ ttestjar. Dawn il-każijiet huma fejn:
- il-proposta tkun qed tindirizza endpoints tal-Anness VII u VIII;
- l-ittestjar ikun diġà għaddej jew tlesta;
- proposta ta’ ttestjar tiġi ppreżentata minflok ir-riżultati ta’ test bi tweġiba għal deċiżjoni preċedenti ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 16(1) jew (2) tad-direttiva dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta’ sustanzi perikolużi (ara wkoll l-Artikolu 135 ta’ REACH).
- proposta ta’ ttestjar tiġi inkluża bħala riżultat ta’ deċiżjoni tal-ECHA dwar il-kontroll tal-konformità jew il-valutazzjoni ta’ sustanza.